Nhar il-Ħamis 13 ta’ Lulju 2006, il-Kamra tad-Deputati tal-Lussemburgu adottat liġi ġdida kontra t-tipjip b’37 vot favur, 2 kontra u 20 astensjoni. Din il-liġi ser telimina kważi għal kollox ir-riklamar tas-sigaretti, u ser tipprojbixxi t-tipjip f’għadd ta’ postijiet pubbliċi. Madankollu, in-nightclubs mhux ser jintlaqtu u fir-ristoranti għandu jkun hemm spazju riservat għal min ipejjep li jrid jikkorrespondi għal 25% ta’ l-ispazju kollu ta’ l-istabbiliment.
Il-projbizzjoni hija waħda parzjali għall-kafetteriji: it-tipjip ser ikun ipprojbit fil-postijiet li joffru l-ikel bejn nofsinhar u s-sagħtejn ta’ wara nofsinhar u bejn is-7 u d-9 ta’ filgħaxija.
Min-naħa l-oħra, it-tipjip ser ikun ipprojbit għal kollox fiċ-ċentri kummerċjali u bini pubbliku.
Madankollu, it-test li, fuq ċerti punti, jmur lil hinn mid-Direttiva Ewropea ta’ l-2003 li suppost qiegħed jittrasponiha, jibqa’ wieħed ambigwu fuq il-kwistjoni tal-projbizzjoni tat-tipjip fuq il-post tax-xogħol: “Min iħaddem irid jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipproteġi lill-ħaddiema b’mod effettiv kontra d-duħħan li jkun ġej mit-tipjip ta’ ħaddieħor.” Il-gvern dalwaqt għandu jipproponi test fuq dan il-punt.
Sors: AFP, Fondazzjoni Kontra l-Kanċer tal-Lussemburgu |