L-istat ta’ mara li tkun qiegħda tistenna tarbija huwa magħruf bħala t-tqala. It-tqala ssir bil-fertilizzazzjoni tal-bajda mill-ispermatożojdi u t-tqegħid tal-bajda fil-kavità ta’ l-utru. Tispiċċa mat-twelid li jseħħ madwar 9 xhur wara l-fertilizzazzjoni.
Mara tqila mhi bl-ebda mod mara marida għaliex, għall-kuntrarju, hija tkun waslet biex tagħti l-ħajja, imma t-tqala huwa perjodu partikolarment vulnerabbli għall-omm futura u għall-wild li għad irid jitwieled.
Id-duħħan tas-sigaretti u l-azzjoni tat-tipjip huma ta’ ħsara kbira għall-omm u għall-wild tagħha peress li l-kostitwenti ewlenin tat-tabakk jgħaddu mis-sekonda u jistgħu jilħqu lill-fetu. Madankollu huwa stmat li fl-Ewropa, 70% tan-nisa li jpejpu jkomplu jpejpu meta jkunu tqal u l-maġġoranza ta’ dawk li jieqfu jpejpu waqt it-tqala jerġgħu jibdew wara li jwieldu.
Il-konsum tat-tabakk ta’ mara tqila jista’ jiġi mkejjel b’mod preċiż ħafna bid-dożaġġ ta’ kotinina, li tirrapreżenta 80% tal-prodott meta titkisser in-nikotina. Tinsab f’kull ambjent bijoloġiku (demm, urina, saliva, ħalib, xagħar, fluwidu tal-borqom). Il-kotinina tinstab fil-fetu u fil-fluwidu tal-borqom ta’ bejn 30 sa 45% tan-nisa tqal li jpejpu.
Fil-qosor, it-tabakk jipprovoka alterazzjoni, mhux biss fil-fertilità tan-nisa imma wkoll f’dik ta’ l-irġiel, u, fin-nisa tqal iżid ir-riskju ta’ tqala ektopika, ta’ metroraġja, ta’ twelid qabel iż-żmien, ta’ dewmien fl-iżvilupp fl-utru, ta’ mewt tal-fetu, ta’ formazzjoni difettuża tal-fetu. It-tabakk jista’ jwassal ukoll għal problemi frekwenti wara t-twelid tat-tifel/tifla bħal fl-iżvilupp psikomotorili u konoxxittiv tiegħu.
Nisa tqal li jpejpu jkollhom korrimenti spontanji tlett darbiet aktar minn dawk li ma jpejpux. Ir-rata tal-mewt qabel it-twelid tiżdied minn 50 sa 150% u l-periklu ta’ cot death f’daqqa jirdoppja meta l-ġenituri jkunu jpejpu.
Il-mara tqila li tpejjep hija wkoll soġġetta għal problemi ta’ saħħa fil-ħalq, għar-riskju ta’ stretch marks, għal fejqan anormali taċ-ċikatriċi wara ċesarja u għal bidliet f’ċerti parametri bijoloġiċi bħal fil-livelli taz-zokkor u ta’ l-insulina.
Il-programm Ewropew HELP għall-ġlieda kontra t-tabakk jista’ jagħtik ħafna tagħrif u appoġġ biex int tieqaf tpejjep.
|