Is-sigarett hu magħmul minn tubu ċilindriku tal-karta, li ġeneralment ikun twil inqas minn 10ċm u b’dijametru ta’ 10mm li jkun fih tabakk imqatta’ b’mod fin biex dan jitpejjep. Fil-prattika, is-sigaretti kummerċjali ma jsirux biss mit-tabakk imma jiġu mħallta ma’ għadd ta’ addittivi sabiex tiżdied id-dipendenza, tinżamm il-konsistenza tad-ditta, sabiex jiżdiedu l-karatteristiċi tat-togħma tas-sigarett, sabiex tiżdied il-konservazzjoni tiegħu u sabiex jibdlu l-kwalitajiet organolettiċi tad-duħħan. Sigaretti ta’ kwalità inferjuri huma amalgamati mat-trab ta’ l-ipproċessar tal-vini tal-weraq tat-tabakk mitħunin. Is-sigaretti kummerċjali ġeneralment ikun fihom filtru tas-cellulose acetate jew tal-qoton li suppost għandu jiffiltra t-tar. Huwa possibbli li wieħed jirrombla s-sigaretti tiegħu stess, li ma jnaqqas xejn mill-periklu tagħhom.
Oriġinarjament, it-tabakk kien jintmagħad jew jinxtammem u s-sigaretti ma kienux daqshekk magħrufa fil-Punent qabel il-Gwerra tal-Krimea. L-iżvilupp tagħhom infirex fil-bidu tas-seklu 20. Kull sena jiġu prodotti madwar 5,500 biljun sigarett mill-industrija tat-tabakk u jiġu kkonsmati minn aktar minn 1.1 biljun persuna li tpejjep. Il-ħsara kkawżata mit-tabakk żdiedet matul dawn l-aħħar deċenni bil-fabbrikanti tas-sigaretti jżidu addittivi kimiċi sabiex iżidu l-assimilazzjoni tan-nikotina mill-ġisem, b’mod partikolari bl-ammonja u b’hekk tinħoloq dipendenza aktar mgħaġġla.
Bit-taħlita tagħhom ibbażata fuq sustanzi tossiċi u irritanti, is-sigaretti huma ta’ ħsara b’mod ugwali kemm għal dawk li jpejpu kif ukoll għal dawk li ma jpejpux, u jwasslu għal dipendenza u għal diversi mard bħall-kanċer, problemi kardjovaskulari u bronkite kronika.
Il-programm Ewropew HELP għall-ġlieda kontra t-tabakk jista’ jagħtik ħafna tagħrif u appoġġ biex int tieqaf tpejjep.
|