Kanċer hija l-kelma mogħtija għat-tumuri kollha magħrufin bħala malinni, li jikbru malajr u li għandhom it-tendenza li jinfirxu għal partijiet differenti tal-ġisem.
Il-kanċer jolqot lil kulħadd, raġel jew mara, żgħir jew kbir, mingħajr ebda distinzjoni. Minħabba li jeżisti f’forom differenti, hemm it-tendenza li n-nies jitkellmu b'mod usa dwar il-kanċrijiet milli dwar kanċer. Madankollu, fil-forma ġenerali tiegħu, il-kanċer huwa marda kkaratterizzata bil-proliferazzjoni taċ-ċelloli fi ħdan tessut normali tal-ġisem. Dawn iċ-ċelloli huma miksubin mill-istess klonu, iċ-ċellola tal-kanċer inizzjali li tkun kisbet ċerti karatteristiċi li jippermettulha tinqasam f'ammont indefinit u tifforma metastasi.
F’termini konkreti, kanċer huwa terminu ġenerali li jinkludi fih kull marda fejn ċerti ċelloli tal-ġisem uman jiddividu ruħhom b’mod mhux ikkontrollat. Iċ-ċelloli l-ġodda li jirriżultaw minn dan jistgħu jiffurmaw tumur malinn jew neoplażma jew jinfirxu madwar il-ġisem kollu. Wieħed jista’ jagħraf bosta forom ta’ kanċer: tas-sider, tal-kolon, ta’ l-utru, tal-ġilda, tal-prostata...
Hemm bosta fatturi li jippredisponu lil xi ħadd għall-kanċer; dawn jissejħu karċinoġeniċi jew kanċeroġeniċi. Jistgħu jkunu ġenetiċi, fi kliem ieħor ikollhom element ereditarju, jew ambjentali, minħabba t-tniġġis, l-ikel, ir-radjazzjonijiet (b’mod partikolari tax-xemx), u infezzjonijiet permezz ta’ ċerti ġermi.
It-tabakk huwa fattur ta’ riskju estremament għoli għal ċerti kanċrijiet (tal-pulmun, tal-ħalq, tal-larinġi, tal-gerżuma, tal-kliewi, ta’ l-għonq tal-ġuf, ta’ l-intestini...)
Illum ġie aċċettat il-fatt li t-tipjip tas-sigaretti huwa l-kawża ewlenija tal-kanċer tal-pulmun (85% tal-każijiet), kif ukoll kawża maġġuri tal-kanċrijiet tal-gerżuma. Ir-riskju huwa inerenti fit-tabakk, b’mod partikolari fin-nikotina li hija karċinoġenika, u fl-addittivi tagħha permezz ta’ kwalunkwe metodu ta’ konsum użat (sigaretti, sigarri jew pipa).
Il-programm Ewropew HELP għall-ġlieda kontra t-tabakk jista’ jagħtik ħafna tagħrif u appoġġ biex int tieqaf tpejjep.
|