Lexicon
Ażżma / Dipendenza / Droga / Duħħan / Ftim / HELP / Il-Manifest / Il-persuna li tpejjep / Il-vizzju tat-tabakk / Infart / Kanċer / Kanċer tal-pulmun / Kowċing / Nikotina / Nisa tqal / Pulmun / Sigarett / Sigarru / Sogħla / Tabakk / tar / Tipjip / Tipjip passiv
 
 

AŻŻMA

Disordni respiratorja kkaratterizzata b’dispnea episodika mal-ħruġ tan-nifs, l-ażżma hija marda infjammatorja li taffettwa t-tubi tal-bronki. Is-sintomi ta’ l-ażżma jinkludu infjammazzjoni ta' l-epitelju tal-bronki, b’nefħa notevoli li tidher fil-forma ta’ edema, restrizzjoni tal-bronki b’kontrazzjoni tal-muskoli l-lixxi tal-bronki, magħruf bħala spażmu, u t-tnixxija enormi tal-mukus. Dan iwassal għal ostruzzjoni parzjali tat-tubi tal-bronki, u b’hekk tinħoloq reżistenza għall-passaġġi ta’ l-arja, u dan iwassal għal sforz akbar fit-teħid tan-nifs. L-ażżma timmanifesta ruħha bi tħarħir mal-ħruġ tan-nifs, b’respirazzjoni sibilanti, u b’diffikultà fit-teħid tan-nifs b’dispnea jew bi qtugħ ta’ nifs sinifikanti li l-gravità tagħha jiddependi fuq il-każ.

Għaldaqstant, l-ażżma timmanifesta ruħha bi bradipnea li tħarħar mat-teħid tan-nifs: il-muskoli wżati fit-teħid tan-nifs li normalment jiġu stimulati biss meta jkun qiegħed jittieħed in-nifs 'il ġewwa (inspirazzjoni), huma obbligati wkoll jagħmlu sforz matul it-tneħħija ta' l-arja (espirazzjoni), u dan jirriżulta fi skumdità respiratorja.

Fil-każijiet l-aktar serji, wieħed jitkellem fuq ażżma akuta jew mard ażżmatiku, b’mod partikolari jekk l-attakk ikun wieħed imtawwal. Il-pazjent ma jkunx jista' jitkellem u huwa jew hija jsiru ċjanotiċi, bl-għaraq, b’polz aktar kalm u b’pawżi respiratorji li jistgħu jwasslu għall-mewt.

Hemm diversi fatturi li jistgħu jkunu l-oriġini ta’ attakki ażżmatiċi, b’mod partikolari d-duħħan tas-sigaretti li joħloq ipereċċitabilità tal-bronki li hija magħrufa bħala ażżma intrinsika. Għaldaqstant, il-vizzju tat-tabbakk, kemm jekk attiv kif ukoll jekk passiv, huwa ta’ ħsara kbira għal min ibati bl-ażżma minħabba li jipprovoka attakki ripetuti u vjolenti. In-numru ta’ persuni ażżmatiċi qiegħed jikber, u b'mod partikolari, tfal; it-teħid man-nifs tad-duħħan tas-sigaretti jista' biss jiggrava d-diffikultajiet respiratorji tagħhom.

Il-programm Ewropew HELP għall-ġlieda kontra t-tabakk jista’ jagħtik ħafna tagħrif u appoġġ biex int tieqaf tpejjep.