Kif m’għandekx tibda
It-tabakk joqtol! Kull sena t-tabakk huwa responsabbli għal eluf ta’ mwiet. Wieħed minn kull għaxar persuni li jpejpu jara li l-medja ta’ l-għomor ta’ ħajtu tkun tnaqqset b’20 sena. Barra xi kanċrijiet, it-tabakk iwassal ukoll għal diversi patoloġiji.

It-tabakk għali!Kemm jekk jinxtraw f’pakketti u kemm jekk imrembla bl-idejn, is-sigaretti malajr jistgħu jnaqqsu l-bàġit u jistgħu jpoġġu lil żagħżugħ jew lil familja f’dejn. F’dak li jikkonċerna patoloġiji kkawżati mit-tabakk, dawn iwasslu għal spejjeż kbar fil-qasam tas-saħħa mġarrba minn dawk li jħallsu t-taxxa u mis-sistemi tas-saħħa tal-gvern.

It-tabakk iħassar! Inaqqas it-togħma, ix-xamm u l-benna.

It-tabakk jagħmel ħsara lill-ġisem minn ġewwa kif ukoll minn barra! It-tabakk iwassal għal nuqqas respiratorju u jnaqqas ir-rendiment fl-isport u fl-attività sesswali, jikkaġuna impotenza fl-irġiel u jwassal fin-nisa għal graviditas extopia, aborti spontanji u jiddisturba l-iżvilupp tat-tarbija. Barra minn hekk, it-tabakk idennes ix-xagħar u jnixxef il-ġilda, li ssir griża.

It-tabakk huwa droga! It-tabakk malajr joħloq dipendenza fuqu li tkun diffiċli ħafna biex wieħed joħroġ minnha. L-ewwel sigarett, li ta’ spiss jinxtegħel sabiex wieħed iħossu parti minn grupp, jista’ jkun perikoluż.

It-tabakk huwa bieb miftuħ għal dipendenzi oħrajn! Dawk li huma dipendenti fuq l-alkoħol jew fuq drogi oħrajn, kemm jekk huma drogi inqas qawwija (ħaxixa, kannabis) kif ukoll jekk huma drogi aktar qawwija, x’aktarx li jkunu bdew minn dipendenza fuq it-tabakk

It-tabakk huwa perikoluż għal dawk qrib il-persuna li tpejjep! Barra mill-fastidju li jbatu dawk qrib il-persuna li tpejjep, id-duħħan jikkaġuna skumdità u mard immedjat jew fuq perjodu ta’ żmien fit-tul. It-tfal, b’mod partikolari, huma vulnerabbli għad-duħħan ta’ persuni oħrajn.

It-tabakk illum m’għadux moda! Għaż-żgħażagħ, it-tabakk huwa ta’ spiss assoċjat ma’ ansjetà, jew ribelljoni moħbija kontra l-awtorità u s-soċjetà b’mod ġenerali. F’ħafna postijiet bħalma huma t-trasport pubbliku u postijiet pubbliċi, it-tipjip huwa ġeneralment ipprojbit. It-tipjip sar ġest li jsir fis-sigriet, f’post iżolat filwaqt li min ipejjep huwa dejjem aktar konxju tal-perikli li jirrappreżenta. Il-persuna li tpejjep tista’ tidher bħala waħda irresponsabbli u individwalista li ma jimpurtahiex minnha nnifisha jew minn ta’ madwarha.
Ma rridx nibda : Kif m’għandekx tibda - HELP