L-ahbarijiet kollha /
istituzzjonali / Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi / Konferenzi / edukazzjoni / Saħħa / Leġislazzjoni u liġi / Ekonomija / Oħrajn
Ahbarijiet
Il-Kummissjoni tniedi dibattitu pubbliku dwar l-aħjar mod kif jista' jiġi promoss ambjent bla tipjip
30/01/2007
Il-Kummissjoni Ewropea illum adottat Green Paper bit-titolu "Lejn Ewropa ħielsa mid-duħħan tat-tabakk: għażliet ta´ politika fuq livell ta´ UE", biex tniedi konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar l-aħjar mod kif jista´ jiġi promoss ambjent bla duħħan fl-Unjoni Ewropea. Il-Green Paper teżamina l-piżijiet ekonomiċi u fuq is-saħħa, assoċjati mat-tipjip passiv, l-appoġġ pubbliku għall-projbizzjoni tat-tipjip, u l-miżuri meħuda s´issa fuq livell nazzjonali u livell ta´ Unjoni Ewropea. Qed jiġi formulat l-iskop tal-miżuri sabiex tittieħed azzjoni dwar it-tipjip passiv. Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-miżuri bi skop differenti qed jiġu analizzati, inkluż projbizzjoni totali fil-postijiet magħluqa pubbliċi kollha u eżenzjonijiet ta´ tipi differenti (eż għar-ristoranti u l-barijiet). Il-Kummissjoni tqis li l-politika bl-aktar skop wiesa´ iġġib l-akbar vantaġġi għas-saħħa tal-popolazzjoni. Finalment, il-Kummissjoni qed tilqa´ l-opinjonijiet dwar liema għażla politika tkun l-aktar adatta sabiex jinkisbu ambjenti bla tipjip: ebda bidla fl-istatus quo, miżuri voluntarji, koordinazzjoni u bidla ta´ l-aqwa prattiċi bejn l-Istati Membri, Rakkomandazzjoni tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jew leġiżlazzjoni ta´ l-UE li torbot. L-istituzzjonijiet l-oħra ta´ l-UE, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili huma mistiedna li jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-Green Paper sa l-1 ta´ Mejju 2007. Il-Kummissjoni imbagħad se tanalizza t-tweġibiet u tipproduċi rapport bis-sejbiet ewlenin tal-konsultazzjoni, qabel tikkunsidra l-passi li jmiss.

Il-Kummissarju għas-Saħħa Markos Kyprianou qal: "It-tipjip passiv, kull sena, joqtol aktar minn 79,000 adult fl-Unjoni Ewropea. L-evidenza mill-pajjiżi Ewropej li għandhom politiki komprensivi kontra t-tipjip turi li dawn jaħdmu, jipproduċu r-riżultati u huma popolari. Servej tal-Eurobarometer sab li aktar minn 80% taċ-ċittadini ta´ l-UE huma favur projbizzjoni fuq i-tipjip fil-postijiet tax-xogħol u postijiet pubbliċi magħluqa. Il-mistoqsija hi, kif nistgħu nibnu fuq it-tendenza lejn ambjenti bla tipjip fl-Istati Membri, u x´għandu jkun il-grad ta´ involviment ta´ l-UE?"

It-tipjip passiv jibqa´ kawża komuni ta´ mewt u mard li jistgħu jiġu evitati fl-UE. L-esponiment kroniku għad-duħħan ta´ ħaddieħor iżid ir-riskju tal-kanċer tal-pulmun f´dawk li ma jpejpux b´20-30% u l-mard tal-qalb b´25-30%. Għażliet ta´ politika

Il-ħames għażliet preżentati għad-diskussjoni fil-Green Paper huma:

• L-ebda bidla fl-istatus quo: fejn ix-xejriet preżenti lejn ambjenti bla tipjip fl-Istati Membri probabbilment ikomplu, il-progress isir b´mod

differenti u din tkun mistennija li tkun l-anqas għażla ta´ politika effettiva.

• Miżuri voluntarji: Filwaqt li l-awto-regolamentazzjoni fuq livell Ewropew tista´ tħaffef il-proċess u tkun aktar flessibbli, l-evidenza mill-Istati Membri tissuġġerixxi li arranġamenti voluntarji f´dan il-qasam ma kinux effettivi.

• Metodu miftuħ ta´ koordinazzjoni: li tiġi segwita l-konverġenza fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal ambjenti bla duħħan permezz ta´ linjigwida, miri u skambji ta´ l-aqwa prattiċi hija possibbiltà oħra, imma l-effettività tagħha tkun tiddependi fuq il-pressjoni mis-sieħba.

• Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill: rakkomandazzjoni simili ma jkollhiex effett li jorbot imma ddaħħal il-kwistjoni fl-aġenda politika. L-effettività tagħha tkun tiddependi fuq il-kundizzjonijiet ta´ monitoraġġ u xi Stati Membri oħra jistgħu jagħżlu li ma jaġixxux.

• Leġiżlazzjoni li torbot: din tista´ tinkiseb b´modi differenti u tkun timponi livell ta´ ħarsien kumparabbli, trasparenti u infurzabbli kontra ambjent tad-duħħan tat-tabakk fl-UE. Madankollu, din ir-rotta x´aktarx li tkun twila u r-riżultat aħħari huwa diffiċli li jiġi mbassar.

F´termini ta´ skop, il-Green Paper tal-Kummissjoni tikkonkludi li politika komprensiva ta´ ambjent bla duħħan iġġib l-akbar benefiċċji għas-saħħa tal-popolozzjoni, u l-evidenza minn madwar id-dinji hija li din l-għażla hija vijabbli u tista´ tiġi infurzata. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-livell mixtieq ta´ l-involviment ta´ l-UE fil-promozzjoni ta´ leġiżlazzjoni għal ambjent mingħajr duħħan hija kwistjoni miftuħa, u hija marbuta ma´ l-iżviluppi fl-Istati Membri.

Is-Sitwazzjoni fl-Istati Membri

L-Istati Membri kollha għandhom xi forma ta´ regolamentazzjoni bl-għan li tillimita l-esponiment għat-tipjip passiv u l-effetti ta´ ħsara tiegħu fuq is-saħħa. L-ambitu u l-karattru ta´ dawn ir-regolamenti jvarjaw.

Il-projbizzjoni tat-tipjip f´postijiet pubbliċi magħluqa u postijiet tax-xogħol, inklużi barijiet u ristoranti, huma fis-seħħ fl-Irlanda u l-Iskozja, bil-bqija tar-Renju Unit issegwi fis-sajf li ġej. L-Isvezja, l-Italja u Malta għandhom leġiżlazzjoni ta´ ħelsien mit-tipjip li tippermetti li jkun hemm kmamar speċjali magħluqa għat-tipjip b´sistemi separati ta´ ventilazzjoni, Franza se tinforza miżuri simili is-sena d-dieħla, u l-Estonja u l-Finlandja f´Ġunju 2007. Il-Belġju, il-Litwanja, Spanja, Ċipru, l-Islovenja u l-Olanda jipprovdu eċċezzjonijiet ta´ tipi differenti għas-settur ta´ l-ospitalità. Ħafna Stati Membri jipprojbixxu jew jirrestrinġu tipjip f´postijiet pubbliċi ewlenin, bħalma huma l-isptarijiet, l-iskejjel u bini tal-gvern, it-teatri, is-swali taċ-ċinema u l-mezzi tat-trasport pubbliku. 
Fuq il-livell ta´ l-UE, il-kwistjoni ta´ ambjenti ħielsa mit-tipjip kienet indirizzata minn reżoluzzjonijiet li ma jorbtux u rakkomandazzjonijiet. Numru ta´ direttivi dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ikopru ukoll xi kwistjonijiet relatati ma´ l-esponiment għal tipjip tat-tabakk fuq il-post tax-xogħol.

Għal aktar informazzjoni
Il-kontenut sħiħ tal-Green Paper jinsab fl-internet, fl-indirizz:

http://ec.europa.eu/health/.../keydo_tobacco_en.htm
Is-Servej tal-Eurobarometer dwar it-Tabakk jinsab fl-internet, fl-indirizz:

http://ec.europa.eu/health/.../ebs_239_en.pdf

Source:

http://europa.eu/rapid/...
 4/17